Għaqdiet Volontarji
Il-ħidma li jwettqu l-għaqdiet volontarji f'raħalna hi imprezzabbli.
Is-settur tal-volontarjat f'raħalna hu wieħed dinamiku u ħaj. Biżżejjed jekk wieħed iħares lejn il-kalendarju ta' attivitajiet li l-għaqdiet tas-Siġġiewi itellgħu minn żmien għal żmien - attivitajiet li huma parti mill-kalendarju tas-Siġġiwin u saħansitra anke tal-pajjiż. Tiġini f'moħħi Ħamis ix-Xirka, lejl li jiġbor fih diversi għaqdiet f'organizzazzjoni tal-mixegħla tal-pjazza u dik tas-Salib tal-Għolja.
Il-volontarjat fis-Siġġiewi jidher fil-beraħ meta diversi għaqdiet fosthom il-Parroċċa, il-Grupp tal-Armar, l-Għaqda tan-Nar, il-Banda San Nikola u s-Siggiewi Festival Brass Band jgħaqqdu x-xogħol u l-impenn kollhu tagħhom fl-aħħar ġimgħa ta' Ġunju matul il-festa ta' San Nikola.
Però hemm ukoll xogħol minn għaqdiet oħra li forsi ma tantx jidher bħal waħda mill-isbaħ doni li għandna fis-Siġġiewi - id-Dar tal-Providenza li tant tagħmel ġid bil-ħaddiema imma anke bil-volontiera. Għaqdiet ta' formazzjoni għaż-żgħażagħ ma jonqsux bħal Faith Alive, ZAK u l-grupp tal-iScouts. Hemm ukoll diversi għaqdiet reliġjużi li jaqgħu taħt il-kappa tal-parroċċa illi jagħmlu ħafna ġid fit-tkattir reliġjuż u spiritwali tar-raħal. Fl-aħħar u mhux l-inqas is-Siġġiewi mogħni b'għaqdiet sportivi illi bi kburija jirrapreżentaw lis-Siġġiewi f'diversi tip ta' sport fosthom il-futbol, il-baskitbol u l-qdif.
Kullana ta' għaqdiet li jservu ta' benniena għalina li noqogħdu r-raħal fejn jikber il-karattru ta' dak kollu li hu Siġġiewi: mill-aspetti kulturali, reliġjużi, sportivi u ċiviċi.