top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Djalogu. Djalogu. Djalogu.

Is-sigriet tal-politika. Id-djalogu kontinwu man-nies. U dak kien l-ispirtu tal-laqgħa li organizza lbieraħ il-Kumitat Sezzjonali PN Siġġiewi f'isem il-kandidati lokali tal-PN. Għalkemm kienet laqgħa organizzata minn organu politiku, in-natura tal-laqgħa kienet waħda għalkollox miftuħa għal diskussjoni libera. Wieħed jinnota kemm dan it-team ta' kandidati hu proattiv u mhux reattiv għal problemi li r-resident qed jaffaċċja.




Iddiskutejna diversi temi li jorbtu mas-sigurtà f'raħalna. Issemmew issues bħal sigurtà fit-toroq tagħna kemm għas-sewwieqa, kemm għal dawk li jużaw ir-rota u kemm għal dawk li jkunu mexjin. Kien hemm enfasi fuq l-irwol tal-Kunsill lokali fejn jidħol pjanar ta' immanniġġjar tat-traffiku anke permezz ta' installazzjonijiet ta' mirja, zebra crossings, komunikazzjoni mal-entità konċernata eċċ. Il-bżonn li jkollna bankini siguri u aċċessibbli wkoll kienet fuq nett tal-aġenda tar-residenti preżenti. Is-sigurtà fejn tidħol il-kriminalità kienet bla dubbju fuq fomm kulħadd wara l-mewġa ta' serq li kellna fis-Siġġiewi. Il-bżonn li l-għassa tkun miftuħa mill-iktar fis u li jsiru rondi spissi inħass u ġie diskuss.


Din il-laqgħa tat ħafna punti ta' azzjoni lilna l-kandidati u lil kunsilliera preżenti fuq dan is-suġġett però jekk xejn, uriet kemm is-Siġġiwin huma għatxana li jsemmgħu leħinhom. Is-Siġġiwin jixtiequ jkunu parti mid-diskussjoni - u dik hi l-wegħda tagħna: nagħmlu x'nagħmlu se npoġġu lir-resident fiċ-ċentru tad-diskussjoni. U dan se nagħmluh b'laqgħat bħal dawn ta' djalogu miftuħ.

61 views0 comments

Recent Posts

See All

Kommentare


bottom of page