top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Fiex wasal iċ-Ċentru tas-Saħħa?

Matul dan is-sajf is-Siġġiwin ġew imwiegħdin ċentru tas-saħħa ġdid fi ħdan il-proġett tal-housing li qed jinbena fi Triq l-Imdina. In-nies li qed niltaqa' magħhom, speċjalment dawk anzjani, qed isemmuli li hu proġett ta' bżonn. Għaliex għandna għalfejn noqogħdu ninżlu Ħal Qormi, jew saħansitra bħalissa anke l-Furjana (minħabba li iċ-ċentru ta' Ħal Qormi magħluq għal manutenzjoni) għal servizzi bażiċi? Din hi l-karba tas-Siġġiwin. Milli jidher din intlaqgħet mill-gvern u dan nieħdu gost bih.


Pero ġejna mwiegħdin illi dan iċ-ċentru se jitlesta sa Settembru. Settembru ġie u mar u s-Siġġiwin baqgħu mingħajr ċentru tas-saħħa. Issa din il-wegħda ġiet mġedda għal darba oħra għal ġimgħat li ġejjin. Wieħed jistenna u jara kemm dan se jirrealizza għal ġid ta' kulħadd.


Domanda oħra li ma ġietx imwieġba hi x'servizzi se jiġu offruti f'dan iċ-ċentru. Se jkun ċentru tas-saħħa bis-servizzi kollha li jiġu offruti f'ċentri oħra bħal dak ta' Ħal Qormi jew il-Mosta? Se jkun ċentru tas-saħħa speċjalizzat għal xi settur partikolari bħal anzjani jew servizzi iktar ġenerali? Jew se joffri servizzi bażiċi ta' berġa? Jew hu minnu li l-għan primarju ta' dan il-proġett se jkun call centre? Fuq dan jidher li hemm bżonn iktar ta' kjarezza.


Il-post, għallinqas s'issa, jidher li għadu taħt kostruzzjoni li żgur mhux denju la għall-infermiera u lanqas għall-pazjenti. Milli jidher però, diġà bdew jaħdmu xi infermiera fil-post f'dawk it-trabijiet u kundizzjonijiet ħżiena għall-għan primarju tal-proġett, dak ta' call centre.


Id-djalogu hu kollox fil-politika. Il-politiku jispjega l-viżjoni tiegħu u n-nies twieġeb b'feedback dwar dan. U l-istess fuq dan il-proġett - in-nies qed jistennew li jiġi spjegat eżatt x'se jsir. Ma ħaqqna xejn inqas. Wieħed iħares 'il quddiem biex ikollna ċentru tas-saħħa tal-aqwa kwalità għalina s-Siġġiwin. Il-ġid jieħu gost bih kulħadd speċjalment dak il-ġid li minnu se tgawdi s-soċjetà b'mod wiesa'.

212 views0 comments

Recent Posts

See All

Comentarios


bottom of page