Bejn is-Siġġiewi u Ħad-Dingli nsibu l-kumpless ta' għerien magħruf bħala Għar il-Kbir. Hi żona fejn kienet abitata għal mijiet jekk mhux eluf ta' snin u dan jidher ukoll mill-cart ruts li nsibu fix-xagħri tal-madwar. L-għar mhux wieħed singulari imma hu parti minn ħafna għerien, kemm dawk naturali u kemm dawk li ġew eventwalment imħaffra mill-bniedem. Il-wesgħa li wieħed isib kienet isservi ta' misraħ fejn in-nies li kienu jgħixu hemmhekk kienu jistrieħu u jgħidu kelma. Kienet isservi biex tagħti d-dawl u l-arja lil kumpless sħiħ.
L-Għar il-Kbir jibda jissemma' bħala post abitabli lura fin-nofs tas-seklu sittax fl-atti notarili. Dan minħabba l-kuntratti li kienu jagħmlu n-nies li jgħixu f'dawn l-għerien. Filfatt ftit żmien wara, għall-ħabta tal-1637, ir-riċerkatur Olandiż Athansius Kircher żar iż-żona u stqarr illi l-għerien kienu maqsumin f'biċċiet privati permezz ta' ħitan mingħajr tajn.
In-nies li sab Kircher jgħixu hemm kienu jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż magħhom u kienu jgħixu bil-ħalib u jilbsu ħwejjeġ tas-suf. Bħala ikel kienu wkoll jiddependu mill-ħobż, ġobon u ħaxix. Kircher ikompli jgħid illi kienu jitkellmu b'ilsien li jiftiehem minn qassisin Libani li kienu ġew iżuruhom. Filfatt kienu ħadu sehem f'quddies iċċelebrata bl-Għarbi. Għalkemm kienu nies maqtugħin mill-bqija taċ-ċivilizzazzjoni, ma kienux nies foqra daqs kemm wieħed jaħseb. Filfatt insibu li xi familji kellhom xi artijiet filwaqt li oħrajn kienu jagħtu rigali prezzjużi għad-dota bħal borom tar-ramm.
L-aħħar abitanti ta' dan il-kumpless baqgħu hemm sa nofs is-seklu dsatax wara tentattivi mill-gvern Ingliż biex jiskoraġixxi l-ħajja troglodita.
Referenzi
Casingena, J. (2009). Postijiet ta’ interess f’Ħad-Dingli: Għar il-Kbir. Programm festa Santa Marija, Dingli, 2009, 94-95.
Mercieca, S. (2017, August 23). Il-familji ta’ Għar il-Kbir fis-Siġġiewi. Il-Mument, p. 34.
Comments