top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Id-Dar tal-Providenza

Is-sena d-dieħla taħbat is-sittin sena minn mindu Dun Mikiel Azzopardi beda jitkellem fuq il-bżonn li tinbena dar li tilqa' fiha persuni b'diżabilità. Kien eżattament f'Settembru tal-1965 meta Dun Mikiel tkellem fuq il-mezzi tax-xandir fuq l-isfidi finanzjarji li huma involuti sabiex titwettaq din il-ħolma tiegħu.


F'Jannar tal-1967 ġie iffirmat il-kuntratt bejn Monsinjur Azzopardi u l-Gvern Malti sabiex ir-Royal Navy Rest Camp, ftit 'l hinn mir-runway ta' San Niklaw jingħadda lill-Azzjoni Kattolika. Dan ir-Rest Camp kien iservi bħala post fejn il-baħrin Ingliżi kienu jqattgħu ħin ta' mistrieħ skont il-bżonnijiet militari. Kien post verament ta' mistrieħ bis-swali tal-logħob, ċinema, funtani, ġonna eċċ. U f'dan il-post Dun Mikiel donnu sab il-post perfett: post mhux bogħod mis-Siġġiewi abitat però fl-istess ħin maqtugħ għal kwiet.


Matul iż-żmien il-barracks tal-Ingliżi tħattew biex jinbnew Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani. Villa Monsinjur Gonzi (kif kienet magħrufa dak iż-żmien) twaqqgħet u inbniet b'sular ieħor.



Dun Mikiel kien spiss isemmi l-Providenza Divina li pprovdiet il-mezzi biex tinbena din l-opra u tkompli għaddejja b'ħidmietha. Kulħadd ta sehmu speċjalment is-Siġġiwin li għamluha tagħhom - filfatt id-donazzjonijiet qatt ma naqsu mis-Siġġiwin lejn l-ħidma tad-Dar tal-Providenza. Xhieda ta' dan kienet il-kampanja Ħolqa ta' Ferħ illi l-Għaqda Wirt is-Siġġiewi kienet nehdiet. Din kienet inizjattiva ta' ġbir ta' fondi permezz ta' radju lokali li kien jismu Radju għall-Providenza li kien ukoll l-ewwel radju lokali f'Malta.


Illum il-ġurnata din l-istorja ta' suċċess irridu inkomplu nsostnuha billi ngħinu kif nistgħu lil din id-Dar anke billi ngħinu lil Ħbieb Dar tal-Providenza, għaqda li torganizza ġbir ta' fondi b'risq din l-opra. Forsi mhux b'kumbinazzjoni li d-Dar tal-Providenza nbniet fis-Siġġiewi, li tiegħu l-patrun hu l-patrun tal-karità - u għaldaqstant għandna dover li nkomplu nsostnuha b'kull mezz possibli.


Referenzi


Vassallo, N. (2015). Id-Dar tal-Providenza: ħamsin sena ta’ storja. Is-Siġġiewi [festa San Nikola] 2015, 34-35.

21 views0 comments

Recent Posts

See All

Il-Kamrun

Comments


bottom of page