top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Il-Kamrun

Il-benniena tiegħi fi ħdan il-volontarjat hi fil-Kamrun - minn hemmhekk tgħallimt x'iġifieri impenn lejn ir-raħal, x'iġifieri li taħdem f'tim għal ġid tar-raħal. U dan għamiltu fi ħdan il-Grupp tal-Armar f'diversi rwoli, fosthom dak ta' Segretarju u issa bħala uffiċjal ta' skemi ta' fondi. U kemm-il darba kont kurjuż fuq l-istorja ta' din il-binja li sservi kemm lill-Grupp tal-Armar u kemm lill-Għaqda tan-Nar.


L-istorja tal-Kamrun bdiet bħala kappella iddedikata lil San Leonardu. It-teorija hi li nbniet fil-bidu tal-1600 għax tissemma' l-ewwel darba fiż-żjara pastorali ta' Cagliares tal-1615. Din il-kappella kellha artal tal-ġebel u inkwatru ta' San Leonardu. Madanakollu il-kappella ma tantx kellha ħajja twila - filfatt f'April tal-1637 saret talba lill-isqof biex terġa' tiġi ikkonsagrata wara li ġiet ipprofanata. Wara perjodu ta' għaks fil-pajjiż, diversi kappelli madwar is-Siġġiewi sfaw fi stat ħażin u ġew ipprofanati erbatax minnhom, fosthom il-kappella ta' San Leonardu. Anke ċ-ċangatura kienet tneħħiet f'dak iż-żmien ta' tbatija!



Ħabat li dan kien fl-istess żmien illi s-Siġġiwin bdew jaħsbu għall-bini ta' knisja ġdida u dan għamluh ftit passi bogħod mill-fdalijiet ta' din l-istess kappella. Għamel mod ukoll illi meta tlestiet il-knisja, is-Siġġiwin indunaw illi s-sagristija kienet żgħira wisq biex jinħażen l-armar tal-knisja fiha. Għaldaqstant saret talba sabiex fuq il-post tal-kappella jinbena maħżen għall-knisja kif ukoll dar biex tospita lil predikaturi u mużiċisti fil-jiem tal-festa.


Sabiex seħħ dan il-proġett, kellha issir talba lil Granmastru sabiex tittieħed parti mit-triq u kellha tinxtara ftit raba' msejħa il-mandra barranija. Biex jiffrankaw ftit tal-flus is-Siġġiwin qatugħha li jħottu l-kampnar tal-knisja l-qadima u jużaw il-ġebel għall-bini tal-kamrun. Ix-xogħol tlesta wara tlettax-il sena biex il-Kamrun iżżanżan mill-mużiċisti tal-festa, fil-festa tal-1733.


Illum-il ġurnata ma tantx inbidel l-użu ta' din il-binja għax għadha tintuża' mill-għaqdiet tar-raħal, fuq għall-ħidma fuq l-armar tal-festa u isfel għall-użu tal-Għaqda tan-Nar. Għalkemm tajjeb li nkunu nafu l-istorja tal-post, il-post jagħmlu dak li jabitah, dak li jużah. Allura nistgħu ngħidu li bħal donnu l-Kamrun hu l-benniena tal-festa fis-Siġġiewi, li jindokra dan l-avveniment li jġib flimkien is-Siġġiwin matul dik l-aħħar ġimgħa ta' Ġunju. Ejjew ilkoll napprezzaw dan is-sens qawwi ta' volontarjat li jagħti togħma sabiħa lir-raħal twelidna.


Referenzi


Vassallo, N. (1980). Siġġiewi album nru 13: il-kamrun. Is-Siġġiewi [festa San Nikola] 1980, 26-28.

81 views0 comments

Recent Posts

See All

Comentarios


bottom of page