Fl-ewwel Ħadd ta' Settembru, il-komunità Siġġiwija terħielha qalb ir-raba' lejn il-Kappella tal-Providenza sabiex tiċċelebra l-festa tal-Madonna tal-Providenza. Festa ħelwa u tradizzjonali li hi bħal mera għal festi ta' dari. Però x'nafu rigward il-kappella tant ikonika?
Nafu illi din il-kappella tinsab fl-akwati fejn kien hemm ir-raħal ta' Ħal Kbir, wieħed minn erba' rħula li eventwalment iffurmaw is-Siġġiewi. Minflok din il-kappella li naraw illum, kien hemm kappella oħra hekk imsejħa ta' Santa Marija l-Ġdida li ngħalqet bl-ordni tal-viżta pastorali tal-1658. Reġgħet infetħet ftit jiem qabel il-festa ta' Santa Marija ta' sena wara b'dedika lil Ħarba lejn Eġittu. Wara li reġgħet ġiet magħluqa, l-Isqof Alpheran de Bussan ta l-ordni sabiex terġa' tinbena fl-1747 - din hi l-kappella li naraw illum. (Tanti 2010)
Il-kwadru titulari li naraw illum mhux dak li kien hemm oriġinarjament. L-ewwel kwadru titulari iddedikat lil Madonna tal-Providenza kien ikkummissjonat mill-Kappillan Mamo fejn jidhru l-erwieħ tal-purgatorju taħt il-Madonna b'Ġesù fi ħdanHa. Kien hemm ukoll San Mikiel li tiegħu l-Kappillan Mamo kien tant devot. Dan kien impitter mill-pittur Enrico Arnaux/ (Busuttil 2023)
Dak li naraw illum hu kwadru tal-pittur romantiku Giuseppe Velasco minn Sqallija. Il-Madonna tinsab fin-nofs fuq is-sħab b'Ġesù Bambin fi ħdanha b'idejHa tbierek l-għelieqi tal-madwar. GħandHa wkoll żewġ anġli, wieħed fuq kull naħa li qed iżommu f'idejhom simboli tal-providenza divina u tat-tkattir tar-raba' - dawn huma il-qamħ, il-qoton u r-rummien. (Sammut 2019)
Fl-1815 il-kappella sofriet il-ħsarat meta ntlaqgħtet minn sajjetta. Dun Pietro Paolo Saliba li kien jiġi neputi tal-Kappillan Mamo ħa x-xoqqa f'moxtha għax ħallas biex jinbena il-portiku bellezza li naraw illum max-xogħlijiet li kienu jenħtieġu biex tissewwa l-ħsara li saret. Dan il-portiku hu disinn tal-perit Mikiel Cachia. Anke l-portiku għandu simboli tal-Providenza Divina - dan narawh fl-iskultura fuq il-faċċata tal-għasafar inaqqru rummiena. (Busuttil 2023) Hemm ukoll iskrizzjoni bil-Latin meħudha mill-Evanġelu ta' San Mattew 6:26 li taqra: "Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema: la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħazen, imma madankollu Missierkom li Hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx iktar minnhom?"
Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu kienet kbira u xhieda ta' dan huma l-kwadri ex-voto li kienu jinsabu f'din il-kappella li sfortunatment ħafna minnhom insterqu fis-snin tmenin tas-seklu li għadda. Aktar minn hekk, l-Isqof Monsinjur Fra Bartolomeo Rull ikkonċeda indulġenza plenarja ta' 40 jum lil kull persuna li jgħid is-Salve Reġina quddiem l-artal maġġur ta' din il-kappella. Għal dan il-għan tinżamm tieqa miftuħa għat-talb. Ħdejn l-istess artal hemm balla ta' kanun Tork li kienet tqiegħdet hemm bħala tifkira tal-Assedju l-Kbir. Tajjeb ngħidu illi id-difiża tas-swar tal-Birgu kienet in parti f'idejn 560 raġel Siġġiewi. (Busutill 2023)
Illum il-ġurnata din id-devozzjoni tkompli tidher f'kemm is-Siġġiwin għandhom għal qalbhom din il-kappella. Il-festa lil Madonna tal-Providenza li se niċċelebraw fl-aħħar ta' din il-ġimgħa hi xhieda ta' dan fejn il-festa tiġi organizzata bis-sehem ta' diversi għaqdiet volontarji fis-Siġġiewi. L-ikliet li jsiru jlaqqgħu l-komunità Siġġiwija flimkien fejn bis-sehem tal-banda u bil-ħruq tan-nar f'misraħ u trejqa armati bix-xieraq, inkomplu niċċelebraw din il-festa u dawn it-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin u Siġġiwin.
Jekk għandkom xi tifkiriet ta' din il-kappella tiddejqux tħallu kumment hawn isfel.
Referenzi
Briffa, J.A. (2019) Madonna tal-Providenza. Muddy Boots. Available at: https://jabriffa.wordpress.com/2019/11/19/madonna-tal-providenza/ (Accesses 27 August 2023).
Busutill, R. (2023) Il-Kappella tal-Providenza Siġġiewi. Kappelli Maltin. Available at: https://www.kappellimaltin.com/Il-Kappelli/Sett01/SGW_Tal-Providenza/sgw_tal-providenza.html (Accessed 27 August 2023).
Tanti, K. (2010). Il-kappella tal-Providenza. Festa [San Nikola, Siġġiewi] 2010, 79-80.
Sammut, D. (2019). Ħal Kbir - "Biċċa ta' Ġenna Mitlufa". Mill-Maħżen tal-Armar, 1(4), pp.4.
Comments