top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Il-Knisja l-Qadima


Hekk kif ilbieraħ il-Via Sagra organizzata mill-Parroċċa spiċċat fil-knisja l-qadima, tajjeb illi ngħidu kelmtejn fuq l-istorja ta' din il-binja storika. Fl-1436 meta l-Isqof Senatore de Mello kien qed jagħmel il-viżta pastorali, il-knisja l-qadima tissemma'. Minn rapporti nafu illi l-knisja kienet miżmuma tajjeb ħafna u kellha diversi dekorazzjonijiet.



Din il-knisja kellha seba' artali li skont dokumentazzjoni, dawn l-artali kienu kollha kompluti bi kwadru titulari. Matul iż-żminijiet, għaddiet minn ħafna tibdiliet. Dan nistgħu narawh mill-ħafna tipi ta' skultura differenti li nstabu fil-proċess ta' restawr tal-knisja. Filfatt insibu skultura ta' stil Barokk, stil Korint, Salamonjak fost oħrajn. Il-prospettivi tal-artal ġibdu l-attenzjoni anke ta' Mons Pietro Dusina fir-rapport tiegħu waqt iż-żjara tal-1575. L-istess għamel l-Isqof Cagliares fil-viżta tiegħu fl-1625.



Lejn l-aħħar tas-seklu sbatax, propjament lejn l-1672, il-knisja l-qadima żviluppawlha diversi ħsarat fis-saqaf tant li l-ispejjeż biex jissewwew dawn il-ħsarat ma kienux jagħmlu sens. Għaldaqstant, anke in vista li l-popolazzjoni tas-Siġġiewi kienet kibret mhux ħażin, is-Siġġiwin qatgħuha li jibnu knisja parrokkjali ġdida li naraw illum. Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, il-pittura fuq il-ħajt tan-navata l-kbira kienet għadha tidher però llum il-ġurnata spiċċat għalkollox minħabba li kienet esposta għall-elementi - id-disinji kienu ġew pubblikati f'rivista maħruġa mill-pittur Ġużeppi Hyzler.


Fadal żewġ tifkiriet artistiċi ta' din il-knisja li nistgħu ngawduhom sallum. Waħda minnhom hi l-pittura tal-Madonna tar-Rużarju li mad-dawra tagħha hemm ħmistax-il posta rużarju. Din tinsab fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina. U l-oħra hi żewġ pitturi li llum narawhom fl-angoli tal-pilastri maġġuri fil-knisja parrokkjali tas-Siġġiewi: waħda ta' San Pawl u l-oħra ta' San Nikola.


Illum il-ġurnata, nistgħu nkomplu ngawdu l-fdalijiet tal-knisja l-qadima grazzi għal restawr li kien sar lura fl-2007 - restawr bħal dan għandu jservi ta' eżempju għal restawr ta' binjiet oħra fil-futur bħala wieħed sostennibbli u li rrispetta b'mod sħiħ is-sit in kwestjoni.


Referenzi


Coleiro, M. (2005). Il-knisja l-qadima tas-Siġġiewi. Festa [San Nikola, Siġġiewi] 2005, 122.


Pace, J.M. (2023). Il-Knisja Parrokkjali ta' San Nikola ta' Bari fis-Siġġiewi, Malta.


Saliba, P. C. (2007). Proġett ta’ konservazzjoni: il-knisja parrokkjali l-qadima ta’ San Nikola ta’ Bari, Siġġiewi. Festa [San Nikola, Siġġiewi] 2007, 67, 69.


Recent Posts

See All

Il-Kamrun

Comentarios


bottom of page