top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Il-Knisja Parrokkjali

Il-bżonn li tinbena knisja ikbar kien beda jinħass sew mis-Siġġiwin lejn in-nofs tas-seklu sbatax. Kien Awwissu tal-1672 meta diversi Siġġiwin iltaqgħu l-knisja l-qadima biex jiddiskutu dan is-suġġett sabiex ġie deċiż li tinbena knisja ġdida f'post ieħor. Ix-xogħol beda tlett snin wara meta fl-1675 tħaffret barriera qrib il-post magħżul. L-arkitett li s-Siġġiwin ta' dak iż-żmien fdaw bil-bini tat-tempju l-ġdid tagħhom kien Lorenzo Gafa.




Fil-festa tal-1693 eżattament fis-6 ta' Diċembru, ix-xogħol kollhu tlesta bl-għaraq tax-xbin u l-kontribuzzjonijiet tal-parruċċani u anke grazzi għal donazzjonijiet kbar mill-Granmastru Nikola Cotoner, il-Granmastru Carafa u Sour Cleria Dingli. Kif ktibt fi blog ieħor, il-konsagrazzjoni tal-knisja saret nhar l-1 ta' Mejju 1729 mill-Isqof Paolo Alpheran de Bussan.


Lejn nofs is-seklu dsatax, reġa' nħass il-fatt illi l-knisja parrokkjali kienet saret żgħira wisq u għaldaqstant, tqabbad Dr Nikola Zammit biex jiddisinja l-pjanti għaż-żewġ navi tal-ġenb u għall-portiku ta' quddiem. Dan il-proġett sar taħt it-treġija tal-imgħallem mis-Siġġiewi Mastru Lonz Schembri u l-iskultura saret minn Antonio Busuttil mir-Rabat.


Is-seklu għoxrin ra wkoll ħafna xogħol fosthom il-bini tal-koppla li llum naraw togħla maestuża fuq il-bini tal-madwar. Inxtara wkoll l-orgni, tlestiet il-pittura tas-saqaf, tqiegħed il-pavimentar tal-art u inġiebu qniepen ġodda. Eqreb lejn żmienna qed naraw illi l-enfasi qed tkun iktar fuq ir-restawr tal-opri li diġà għandna. Filfatt qed noqorbu lejn tmiem ta' proġett kbir: dak li naraw il-pittura kollha tal-knisja restawrata mill-ġdid flimkien mal-proġett tar-restawr taz-zuntier. Dawn kollha huma proġetti ta' fejda li jipproteġu l-patrimonju rikk tagħna s-Siġġiwin għal ġenerazzjonijiet futuri.


Referenzi


Aquilina, K., Bezzina, N., Callus, L., 2015. Is-Siġġiewi Città Ferdinand. Malta: Kunsill Lokali Is-Siġġiewi Città Ferdinand.

227 views0 comments

Recent Posts

See All

Il-Kamrun

Comments


bottom of page