Il-qima lil Santa Marija fis-Siġġiewi tmur lura għal mijiet ta’ snin. Fil-vista pastorali ta’ Mons Dusina fl-1575, sab illi fil-parroċċa tas-Siġġiewi kien hawn tnax-il knisja jew kappella ddedikata lil Marija Assunta. Dawn kienu mferxin f’Ħal Xluq, Ħal Kbir u fis-Siġġiewi, li minnhom kull ma fadal illum huma l-kappella taċ-Ċwerra u l-kappella ta’ Ħal Xluq.
L-artal ta’ Santa Marija fil-Knisja Parrokkjali
Waħda minn dawn il-knejjes li ntilfu maż-żmien hi l-kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħaramija li kienet qrib il-kappella ta’ San Mark li għadha wieqfa sallum. Din kienet inbniet fl-1575 minn ċertu Bartolomew Mamo.
Sfortunatament, in-neputijiet ta’ Bartolomew ma baqgħux iħallsu l-quddisiet u l-ispejjeż għal manutenzjoni. Dan wassal għal telqa kbira f’din il-kappella sakemm sfat ipprofanata fl-1692 bl-ordni tal-isqof Davide Coccopalmieri. Il-pittura li kien hemm f’din il-kappella intramat fil-Knisja parrokkjali fuq l-artal iddedikat lil Santa Marija Mtellgħa s-Sema.
Il-pittura tal-artal li nsibu llum għandha kompożizzjoni triangolari b’Sidtna Marija fuq, u taħtHa hemm l-appostli mal-qabar vojt. Filwaqt li l-Madonna tidher li tiela’ s-sema, l-appostli jidhru mistagħġbin b’dak li qed jaraw quddiemhom, bi ftit minnhom jidhru li qed jħarsu fil-qabar vojt. (Pace 2023)
Hemm teoriji illi din il-pittura setgħet ġiet impittra minn xi alljiev ta’ Mattia Preti minħabba s-similaritajiet bejn din il-pittura u t-titular ta’ San Nikola. M’hemm l-ebda evidenza ta’ dan bil-miktub però x-xebh tal-istil, kompożizzjoni, kuluri eċċ jippuntaw lejn din it-teorija. (Aquilina 2022)
Il-kwadru u l-pittura ġew restawrati fl-2021 mill-konservattriċi Amy Sciberras Conservators – Fine Arts Restoration taħt il-gwida tal-Parroċċa u l-Fondazzjoni Patrimonju Kulturali Siġġiewi.
Il-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħal Xluq
Aħna u ħerġin mis-Siġġiewi lejn il-Qrendi, niltaqgħu ma’ statwa ta’ Santa Marija Assunta taħt id-dell tas-siġar. Faċċata ta’ din l-istatwa, hemm il-kappella ta’ Ħal Xluq, raħal medjevali li minnu nibet is-Siġġiewi. Din il-kappella hi mibnija fuq stil Sikulo-Normann li kien prevalenti fl-aħħar tal-Medju Evu. Fiż-żjara ta’ Mons Dusina, inkitbet deskrizzjoni fuq din il-kappella fosthom fuq l-arkitettura u l-benefiċċjarju tagħha. F’din iż-żjara ġiet innutata li l-knisja hi nieqsa minn dak li hu meħtieġ. Żmien wara, fiż-żjarat ta’ Mons Coccopalmieri fl-1686 u fl-1708, kien hemm kambjament għall-aħjar. Jissemmew il-lampier, il-kwadru bl-ikona u saħansitra anke li kienu jitkantaw il-vespri, tingħad quddiesa letta u tqassim ta’ kolazzjon fil-festa ta’ Santa Marija ta’ Ħal Xluq. (Aquilina 2023)
Illum il-ġurnata, din il-kappella qalb ir-raba’ terġa' tieħu l-ħajja nhar il-Ħadd fuq il-15 ta’ Awissu, fejn tiġi organizzata l-festa lil Assunta bis-sehem dirett tal-għaqdiet tar-raħal. Hi festa żgħira, bħal donnha tieqa lejn il-festi ta’ dari meta il-parruċċani kienu jiċċelebraw il-patrun jew patruna tagħhom b’li kien ikollhom dak iż-żmien mingħajr ħafna tlellix żejjed, iżda forsi b’iktar ġabra u spiritwalità.
Il-Kappella ta’ Santa Marija taċ-Ċwerra
Il-kult ta’ Santa Marija insibuh ukoll fil-qalba ta’ raħalna fil-kappella ta’ Santa Marija taċ-Ċwerra ħdejn il-pompa tal-petrol. Din il-kappella inbniet fl-1611 u din tħallset minn ċerta Lawrenza Pace. Din Pace x’aktarx li kienet mill-Birgu u wara li ħalliet din id-dinja, il-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu ħallsu għall-bini mill-ġdid ta’ din il-kappella. Il-bini mill-ġdid tal-kappella sar fl-1742. Kien il-Kavallier Despuig illi ta l-art sabiex tkun tista’ tiġi mibnija din il-kappella. (Schembri 1983) Din il-kappella ġarrbet ħsarat kbar u għaldaqstant se jibdew ix-xogħlijiet dalwaqt. Wieħed jispera illi ma jdumux ma jibdew ħalli nsalvaw din il-ġawhra fil-qalba tar-raħal.
Kif rajna, il-kult lejn Marija Mtellgħa s-Sema jmur fil-fond ta’ għeruqna anke bħala poplu Malti. Flimkien mal-bqija tal-pajjiż fejn din il-festa tiġi ċċelebrata minn għaxar parroċċi, is-Siġġiwin minn dejjem ħassew din id-devozzjoni lejn din il-festa. Matul iż-żmien, missirijietna investew ħinhom u ġidhom sabiex jroddulna dan il-wirt li minnu għadna ngawdu llum. Xogħlna dejjem jibqa’ li nħarsuh u nindukrawh għal ta’ warajna.
Referenzi
Aquilina, N. (2022). Festa 2022 Lura Għall-Festa ta’ San Nikola: Il-Kwadru ta’ Marija Assunta (Siġġiewi). Ktieb tal-Festa 2023 tal-Każin Banda San Nikola A.D.1883, 83-85
Aquilina, N. (2023). Festa Titulari ta’ San Nikola Ċċelebrata fil-Parroċċa tas-Siġġiewi 18-25 ta’ Ġunju 2023: Ħal Xluq Raħal Medjevali. Ktieb tal-Festa tal-Għaqda tan-Nar San Nikola 2023, 38-42.
Armar Siġġiewi, (2023). Il-kwadru ta' Santa Marija fil-knisja Arċipretali. Available at: https://www.facebook.com/photo?fbid=790003005486692&set=a.813101959843463 (Accessed 13 August 2023).
Grech, P. (2023) The Fading Echos of Hax Xluq. Available at: http://www.snapshotsofmalta.com/2018/01/the-fading-echos-of-hax-xluq.html (Accessed 13 August 2023).
Pace, J.M. (2023). Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola ta’ Bari fis-Siġġiewi. Malta: Best Print.
Schembri, J. (1983). Siġġiewi album Nru. 23: Is-Siġġiewi u d-devozzjoni lejn il-Madonna. Is-Siġġiewi [Ottubru] 1983, 14-15.
Comments