top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Il-mixja ta' Borg Olivier fis-Siġġiewi

Ġorġ Borg Olivier - Missier Malta Indipendenti. Hekk hu magħruf mal-Maltin u hekk tassew jixraqlu. Kif jiddeskrivieh il-mibki President Emeritus Guido de Marco: "bniedem li ħabb lil Malta qabel lilu nnifsu". Politiku deskritt bħala ġentlom, viżjonarju, umli però dixxiplinat. Hekk kif għada niċċelebraw i-twelid tan-nazzjon Malti, l-Indipendenza, ħsiebna awtomatikament imur lejn il-persuna li tant stinkat għal (kif kien qal hu stess) "di[k] il-ġurnata, hekk storika, hekk għażiża illi ma ninsewha qatt". Borg Olivier kellu mixja politika mill-iktar interessanti, liema parti minnha għamilha fostna u magħna s-Siġġiwin. Biżżejjed jekk tintefa' tgħid kelma ma' anzjan li jkun il-pjazza fuq dak iż-żmien u malajr isemmielek kemm kien maħbub mis-Siġġiwin.


Mass Meeting Siġġiewi 1939 (Malta 1939)
Malta (1939)

Hekk kif waslet l-elezzjoni ta' Lulju 1939, in-nutar Borg Olivier iddeċieda li jikkontesta l-elezzjoni fuq l-ewwel distrett (li kien jinkludi s-Siġġiewi). Bħala parti mill-kampanja elettorali sar mass meeting nhar il-Ħadd 25 ta' Ġunju, fi Pjazza San Nikola. Sintendi, bir-rabtiet li kellu Borg Olivier mar-raħal (kellu uffiċju notarili li kien wiret minn zijuh Salvatore), hu indirizza l-folla. Kien meeting kbir li kien qabeż sew lil folol li kien jiġbor Strickland. (Borg Olivier, Frendo 2005) Tajjeb ngħidu illi f'dik il-ħabta, qabel il-gwerra, l-ikbar żewġ partiti rivali kienu in-Nazzjonalisti u l-iStricklandjani. Il-gazzetta Malta (1939) tgħid illi Ġorġ Borg Olivier fetaħ l-indirizz tiegħu bl-għajta "Nazzjonalisti! Nazzjonalisti awtentiċi tas-Siġġiewi!". Id-diskors kompla bl-enfasi fuq id-dmir ta' kull ċittadin li jmur jivvota daqs kemm hu dritt. Messaġġ li għadu jgħodd għal-lum.


L-ewwel snin ta' wara l-gwerra kien perjodu diffiċli għall-PN. Fit-18 ta' Settembru 1949, il-partit żamm Kungress, fejn fih, in-Nazzjonalisti Siġġiwin qraw is-sinjali taż-żminijiet u wittew it-triq għal Borg Olivier, meta bħala każin tas-Siġġiewi preżentaw mozzjoni lil Nerik Mizzi biex jikkonfermaw lil Borg Olivier bħala Viċi-Kap tal-partit. Din kienet deskritta bħala formalità għaliex Borg Olivier kien diġa id-de facto Viċi-Kap. (Borg Olivier, Frendo 2005) Is-Siġġiwin reġgħu laqgħu liż-żewġ personalitajiet bi ħġarhom fi Frar ta' wara fejn sar meeting fil-pjazza, tant li l-gazzetta l-Patria! ddeskriviet lis-Siġġiewi bħala "fortizza tan-nazzjonaliżmu". (Patria! 1950) L-elezzjoni tal-1951 kellha tkun l-aħħar elezzjoni li Borg Olivier ikkontesta fuq id-distrett tas-Siġġiewi (fejn b'kollox ikkontesta 4 minn 10 elezzjonijiet matul ħajtu - 1939, 1947, 1950 u 1951) però r-rabta tiegħu mar-raħal ma waqfitx hemm (Borg Olivier, Frendo 2005).


Borg Olivier merfugħ fuq l-ispallejn (Il-Poplu 1964)
Il-Poplu (1964)

Is-Siġġiewi ta sehmu wkoll meta ġejna għall-festa li qed niċċelebraw - l-Indipendenza. Ġorġ Borġ Olivier, issa Prim Ministru sejjaħ referendum ħalli jkun il-poplu stess li jagħżel jekk iridx isir indipendenti jew le skont il-kostituzzjoni li propona hu. Dan ir-referendum seħħ fil-bidu ta' Mejju 1964. Is-Siġġiewi laqa' lil Borg Olivier u l-proposta tiegħu għall-Indipendenza b'ħeġġa kbir f'meeting li kien sar f'April tal-istess sena. Il-gazzetta II-Poplu (1964) tgħid illi s-Siġġiwin tawh merħba mill-isbaħ fejn iddaħħal fuq l-ispallejn fost għajjat ta' "iva, iva, iva" (b'referenza għal kif il-poplu kellu jivvota fir-referendum). Il-Prim Ministru Borg Olivier għamel diskors fejn serraħ moħħ il-folla illi l-Indipendenza mhix ta' min jibża' minnha, anzi għamel kuraġġ illi se jkun hemm għajnuniet wara li Malta se tagħmel dan il-pass. Din it-tama u l-qawmien ġdid illi l-Maltin ħassew f'dawk iż-żminijiet kważi tista' tiġborhom fi kliem li Borg Olivier qal lis-Siġġiwin f'dak il-meeting: "Żmien il-progress wasal". (Il-Poplu 1964)


Hemm ħafna iktar xi tgħid fuq ir-rabtiet li kien hemm bejn Borg Olivier u s-Siġġiewi li ħafna minnhom ma ssibhomx fil-kotba tal-istorja imma f'xi rakkont ta' xi anedottu ma' xi anzjan jew anzjana. Li hu żgur illi l-mixja politika ta' Borg Olivier fis-Siġġiewi ħalliet effett fuq in-nies li kienu jsegwuh b'tant għożża u bl-istess mod is-Siġġiewi ħalla marka fuq dan il-ġgant tal-politika Maltija. Nagħmlu sew jekk nibqgħu nfakkru s-sagrifiċċji u l-kisbiet ta' dawn il-patrijotti li taw saħħithom għall-pajjiż, mhux l-inqas lil Ġorġ Borg Olivier.


Jekk għandkom xi anedottu ta' Borg Olivier tiddejqux tħallu kumment.


Viva Malta Indipendenti! Il-festa t-tajba!


Referenzi


Borg Olivier, G. and Frendo, H. (2005) Patrijott liberali Malti : bijografija ta' Ġorġ Borg Olivier (1911-1980). Pieta': Pubblikazzjonijiet Indipendenza.


Il-Poplu (1964) Iz-Zmien tal-Progress Wasal. 3 ta' April 1964, pp. 1.


Malta (1939) Il Grande Comizio Nazionalista a Siggieui. 27 ta' Ġunju 1939, pp. 1.


Patria! (1950) Success Cbir tal Meeting Nazionalista, 4 ta' Marzu, pp. 3.


Tabone, M. (2014), Kazin PN gdid - Siggiewi [Youtube], [Online]. Available: https://www.youtube.com/watch?v=9U7iHHeUvyQ&t=112s [Sept 19, 2023].


Recent Posts

See All

Comments


bottom of page