top of page
Writer's pictureRyan Cachia

L-Aħħar Festa f'Diċembru

Updated: Dec 6, 2023

Is-sitta ta' Diċembru - il-jum marbut ma' San Nikola mad-dinja kollha u mhux lanqas fis-Siġġiewi. Però għaliex niċċelebraw bil-kbir din il-festa fl-aħħar Ħadd ta' Ġunju u mhux f'Diċembru? Ir-risposta kważi tiġi waħedha illi minħabba raġunijiet ta' temp imma bħal kull ġrajja, ikun hemm storja sħiħa wara l-avveniment. U l-istess nistgħu ngħidu għat-trasferiment tal-festa għal Ġunju.


Il-festa fix-xitwa (Callus 2021)

Il-festa fix-xitwa (Callus 2021)

Kien is-6 ta' Diċembru 1949 meta sebaħ arju ċlampu u iktar ma beda jgħaddi l-ħin, iktar beda jikrieh it-temp sakemm bdiet nieżla x-xita u spiċċat tħassret il-purċissjoni. Dan wassal biex fl-aħħar tax-xahar tlaqqgħu s-Siġġiwin fiċ-Ċirklu biex jiddiskutu din il-materja. Il-maġġoranza ta' dawk li kienu hemm, qablu illi l-festa tiġi trasferita f'data matul is-sajf u għaldaqstant intgħażlet kummissjoni ta' tlett min-nies biex iressqu proposta quddiem l-E.T. Arċisqof Gonzi.


F'Ottubru 1950, il-Kappillan Dun Saver Mangion ħabbar illi l-Arċisqof aċċetta din it-talba u li ħa jħabbar id-data eżatta tal-festa fis-sajf bħala "prova" iktar tard. Talab però illi f'Diċembru tal-1950 tiġi ċċelebrata l-festa bħan-normal. Għalhekk il-festa tal-1950 kienet l-aħħar darba illi San Nikola ġie ċċelebrat f'Diċembru. Għamel mod illi dakinhar it-temp fetaħ u bħal donnu San Nikola ta l-barka tiegħu sabiex l-aħħar festa f'Diċembru tiġi iċċelebrata b'mod komplut.


Fit-28 ta' Frar 1951 ġie iffirmat digriet uffiċjali fejn l-festa ġiet iffisata għall-31 ta' Mejju jew il-Ħadd li kien jiġi wara, voldieri fil-każ tal-1951, dan kien ifisser illi tiġi iċċelebrata bejn is-6 u l-10 ta' Ġunju. Il-"prova" kienet tassew suċċess u għalhekk l-Arċisqof ta l-permess biex il-festa tiġi trasferita għall-aħħar Ħadd ta' Ġunju kif xtaq il-poplu tas-Siġġiewi.


Illum, il-jum tas-sitta ta' Diċembru xorta għadu fil-qalb ta' kull min jissejjaħ Siġġiewi. Illum il-ġurnata, tiġi ċċelebrata l-festa tat-tfal dakinhar filgħodu filwaqt li ssir it-translazzjoni f'lejlet il-festa u quddiesa solenni f'nharu. (Vella 2015) Hi ġurnata li tiġbed numru sabiħ ta' nies speċjalment tfal lejn il-pjazza u lejn il-knisja u dan jawgura tajjeb għall-futur ta' dawn it-tradizzjonijiet u ċelebrazzjonijiet.


Referenzi


Callus, L. (2021). Il-festa tas-Siġġiewi fix-xitwa madwar 75 sena ilu, fix-xitwa waqt l-aħħar gwerra jew ftit wara. Il-festa t-tajba lill-kulħadd. [Siggiewi - Citta' Ferdinand - Facebook.com], [Online]. Available: https://www.facebook.com/photo/?fbid=10225651932427232&set=a.10201655856340327 [December, 2023].


Vella, C. (2015). 1951: il-festa ta’ San Nikola tibda ssir f’Ġunju - l-ewwel programm tal-festa. Festa [San Nikola, Siġġiewi] 2015, 111, 113, 115.

344 views0 comments

Recent Posts

See All

Bình luận


bottom of page