Din is-sena għandna żewġ festi - waħda dik li bħas-soltu se tinżamm fl-aħħar Ħadd ta' Ġunju (il-festa ta' San Nikola) u l-oħra hi l-wasla tal-istatwa mir-restawr, liema wasla se jistħoqqilha festa għaliha. Din se tinżamm il-Ħadd ta' qabel, iġifieri 23 ta' Ġunju. Għal dan il-għan, twaqqaf kumitat bis-sehem tal-għaqdiet sabiex nagħtu merħba xierqa lil Patrun tagħna San Nikola. L-għaqdiet kollha se jagħmlu dik ix-xi ħaġa speċjali biex jiċċelebraw din il-festa. Se tkun avveniment uniku fejn San Nikola se jdur fit-toroq tas-Siġġiewi u mhux biss fil-pjazza, merfugħ minn kull Siġġiewi li jixtieq li jkun parteċipi. Għaldaqstant ħsibt sabiex nagħti ftit informazzjoni kurjuża fuq din il-vara.
Din l-istatwa tlestiet fis-sena 1736, maħduma mill-idejn abbli ta' Pietro Felici minn Ħal Qormi li kien ukoll l-ewwel artist Malti li ħadem f'art twelidu stess l-ewwel żewġ statwi ta' patruni titulari għal żewġ parroċċi Maltin: dik ta' San Nikola fis-Siġġiewi u dik ta' San Ġorġ f' Ħal Qormi. Il-pedestall hu xogħol GioMaria Vassallo filwaqt li l-iskultura tal-pedestall hi xogħol Ġużeppi Fabri. B'kollox il-vara u l-pedestall ġew jiswew 176 skud. Fatt interessanti hu illi fl-ewwel snin, sakemm inbnew in-navi tal-knisja, il-vara kienet tinżamm fil-Kamrun, sakemm imbagħad inħadmet in-niċċa fuq disinn ta' Sciortino.
Matul iż-żmien il-vara kellha bżonn il-manutenzjoni. Wara li ġiet indurata fl-1893, inħass il-bżonn illi fl-1958 terġa' tiġi indurata. Dan ix-xogħol sar mid-Ditta Coleiro ta' Triq San Kristofru, il-Belt. Kien hemm xi tibdil li sar apparti l-induratura. Dan kien jinkludi li jiċkien il-baklu, il-kmiem ta' San Nikola tneħħielhom it-tikmix u tpittret il-bizzilla.
Kien imissha rawnd ieħor ta' manutenzjoni fl-1997 meta ttieħdet ir-Rabat għand l-induratur Horace Farrugia sabiex jiġi indurat mill-ġdid. Kien nhar il-21 ta' Ġunju 1998 li s-Siġġiwin reġgħu tawh il-merħba denja. L-induratur li qed jindura bħalissa l-istatwa ta' San Nikola hu l-istess Farrugia, fl-istess bottegin.
Issa jmiss lilna li nagħtu merħba denja lill-istatwa ta' San Nikola. Avveniment illi jiġi darba fil. Filfatt, hi l-ewwel darba mill-1959 illi San Nikola se jintrefa' proċessjonalment minn ġot-toroq Siġġiwin. Ir-residenti tat-toroq minn fejn se tgħaddi l-purċissjoni huma mħeġġa jarmaw l-faċċati tad-djar tagħhom. Inħeġġeġ lil kulħadd sabiex jingħaqad magħna nhar it-23 ta' Ġunju f'din l-ewwel festa minn tnejn!
Referenzi
Bezzina, N. (2011). L-istatwa ta’ San Nikola tagħlaq 275 sena. Is-Siġġiewi [festa San Nikola] 2011, 12-14.
Comments