Il-bżonn tal-iskejjel f'pajjiżna ħa rankatura maż-żieda tal-gazzetti fejn in-nies bdew jitħajru jitgħallmu jaqraw u jiktbu ħalli jkunu jistgħu jżommu ruħhom infurmati fuq l-iżvilupp soċjali u politiku ta' dak iż-żmien. Għalkemm b'rata inqas mill-ibliet ta' madwar il-port, is-Siġġiwin bdew iħossuh iktar dan il-bżonn. Għedt li s-Siġġiwin kienu inqas imħeġġin li jibagħtu lil uliedhom l-iskola minħabba li dak iż-żmien kienu jarawh bħala ħela ta' ħin u kienu jippreferu li wliedhom jgħinuhom fir-raba'.
L-ewwel skola li nfetħet fis-Siġġiewi kienet tinsab fit-tarf t'isfel ta' Triq Santa Margerita fil-11 ta' Settembru 1854. Din bdiet tilqa' lis-subien imbagħad f'Diċembru bdiet tilqa' ukoll lil bniet. Din l-iskola bdiet titmexxa mis-surmast Salvu Mamo Cordina u s-sinjora Marianna Vassallo li kienu jitħallsu £35 u £21 fis-sena rispettivament. Is-suġġetti mgħallma kienu l-qari bil-Malti, bit-Taljan, bl-Ingliż, Grammatika, Aritmetika, Ġografija, Katekeżmu u Kalligrafija. Apparti dawn, ilbniet kienu jiġu mgħammlu il-Ħjata u l-Malja (knitting). Apparti din il-iskola kien hemm ukoll skola fi Triq il-Kbira f'binja magħrufa bħala l-Armerija qrib il-kappella ta' San Mark. Tajjeb insemmu li ir-Rapport Annwali dwar l-Edukazzjoni tas-sena 1889/90, mit-42 tifel li ġew preżentati għall-eżami tal-aħħar sena, għaddew 80.9% filwaqt li mill-51 tifla, għaddew 66.6%.
Aktar kemm beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda jinħass il-bżonn li l-iskola timxi għal x'imkien ikbar. Il-post magħżul kien il-binja fejn illum hemm il-Kunsill Lokali, l-għassa tal-Pulizija u l-każin Laburista. Fis-sena skolastika 1949/50 infetħet l-iskola li naraw llum. Din bdiet bħala skola tas-subien u mbagħad fetħet il-bibien tagħha għall-bniet ukoll. Fis-snin sebgħin infetħet skola sekondarja f'dan l-istess bini però wara xi żmien din ingħalqet biex bdiet tintuża' bħala kindergarten. Iktar 'il quddiem f'nofs is-snin 2000, sar tkabbir sostanzjali ta' din l-iskola fejn żdied sular ieħor u nbiet is-sala li naraw illum. Illum il-ġurnata din l-iskola li hi parti mill-Kulleġġ Sant'Injazju, qed tkompli sservi ta' benniena edukattiva għat-tfal Siġġiwin filwaqt li qed iżżomm ir-reputazzjoni ta' waħda mill-aqwa skejjel primarji pubbliċi f'Malta.
Referenzi
Cassar, G. (2008). Xi laqtiet mill-ħajja ta’ l-iskola primarja tas-Siġġiewi. Festa ta' San Nikola, [Siġġiewi,] 2008, 51, 53, 55.
Vella, C. (2014). Is-servizzi soċjali fis-Siġġiewi: meta u kif bdew. Festa [San Nikola, Siġġiewi] 2014, 61-65, 68, 69, 72.
Comments