top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Mill-Kliem għall-Fatti...

...hemm baħar jikkumbatti. U hekk hu! Il-ħafna diskors li ngħidu ma jgħoddx il-bżieq li naħlu jekk ma nsegwux bl-azzjonijiet tagħna. Reġa' wasal dan iż-żmien tal-Baġit: żmien fejn nibdew nisimgħu b'kemm se tiżdied il-COLA, jekk se jiżdiedux xi sussidji eċċ.


Però l-Baġit fil-verità ma kienx intenzjonat bħala eżerċizzju tal-PR fejn il-poplu bħal donnu jkun imwaħħal mat-TV jara x'loqom ħa jaqa' minn din il-mejda msejħa "il-Gvern". Il-Baġit suppost hu eserċizzju fejn il-Ministru inkarigat minn flusna, flus li ta' kull xahar jittieħdu mid-dħul tagħna, jispjega u jagħti rendikont ta' kif se jkunu qed jintefqu dawn il-flus. Iġifieri, kemm se jkollu allokat kull settur pubbliku.


Settur minn dan hu l-Gvern Lokali - il-Kunsilli Lokali. Ta' spiss nisimgħu esponenti tal-gvern jgħidulna kemm jemmnu bis-sħiħ fil-Kunsilli Lokali u kemm qed jagħmlu biex isaħħuhom. U għaldaqstant f'dan l-artiklu, se naraw jekk bejn dawn il-kliem u l-fatti hemmx baħar jikkumbatti.


Analizzajt l-estimi finanzjarji ta' kull baġit mill-2008 'il quddiem li kienu allokati għall-Kunsilli Lokali. Dawn l-estimi ġew diviżi bil-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta' kull sena sabiex l-estima toħroġ bħala perċentwal tal-hekk imsejjaħ "kejk nazzjonali". Fi kliem sempliċi, xtaqt nara, sena wara l-oħra, kemm kienet kbira l-islice tal-kejk allokati lil Kunsilli Lokali bil-fatti.


Irriżulta illi bejn l-2008 u l-2013 (l-aħħar 5 snin ta' gvern Nazzjonalista) il-porzjon tan-nefqa fuq il-Kunsilli kienet dejjem qiegħda tiżdied filwaqt illi mill-2014 'il quddiem dan il-porzjon (dan l-islice) dejjem kien qed jiċkien. Filfatt, l-ogħla u l-inqas perċentwal mill-GDP fi żmien il-PN kienu 0.51% u 0.43% rispettivament filwaqt illi fi żmien il-PL, dawn kienu 0.43% u 0.33% rispettivament. Nistgħu ngħidu illi l-minimu li kienu allokaw il-PN kien il-massimu li qatt allokaw il-PL. U hemm hu kollox: bil-fatti mhux veru li jemmnu fil-Kunsilli Lokali - kieku jemmnu veru, jallokaw riżorsi kemm jifilħu ħalli l-kunsilliera jkunu jistgħu jaħdmu għal-lokalità tagħhom.


Stima Finanzjarja għall-Gvern Lokali fuq il-GDP (%)

Wieħed jittama illi nhar it-Tnejn il-Ministru jgħidilna illi tant kemm jemmnu fil-Kunsilli Lokali, li se jżidu bis-serjetà l-allokazzjoni għall-Kunsilli Lokali - però r-rekord ta' dan il-gvern ma tantx jagħmlilna kuraġġ. Jagħmlilna kuraġġ però illi għad hemm partit illi bil-fatti jemmen fil-Kunsilli - il-Partit Nazzjonalista, u bħalma għamel fil-passat, ċert illi se jagħmel ġaladarba l-poplu jagħtih il-fiduċja.

65 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


bottom of page