top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Milli għedna mhemm xejn

"Is-sena 2024 ser tkun waħda sinifikanti fil-qasam tal-Gvern Lokali" - hekk qalilna l-Ministru waqt il-qari tal-baġit nhar it-Tnejn li għadda. Imma kif jgħidu l-Ingliżi: "the proof of the pudding is in the eating". Kont qed nistenna li wara dan il-paroli kollu, il-Ministru kien se jżid bis-serjetà l-allokazzjoni għall-Kunsilli Lokali.


Kif spjegajt fi blogg ieħor (ħolqa hawn isfel), jekk dan il-Gvern veru jemmen fil-Kunsilli Lokali għandu jiffinanzjahom b'mod adegwat. Bħala follow-up ta' din l-analiżi, din id-darba rajt x'porzjon tal-baġit iddedika l-Ministru tal-Finanzi għall-Kunsilli Lokali. Dan il-persentaġġ għall-2024 hu ta' 0.83%. Jekk wieħed iħares lejn l-medja li gvernijiet Nazzjonalisti bejn l-2008 u l-2013 kienu jonfqu fuq il-Kunsilli Lokali, dan il-persentaġġ jitla' għall-1.16%, differenza ta' 0.33 punti perċentwali.


Persentaġġ tal-ispiża totali stmata fil-baġit li ġiet allokata għall-Kunsilli Lokali

0.33% jista' jidher bħala numru miżeru però nistidinkom tapplikaw din id-differenza fuq l-ispiża li l-Gvern qed jgħid li se jonfoq matul l-2024. 0.33% tal-ispiża stmata għall-2024 hi kważi €26-il miljun. Jekk nieħdu kemm ikun allokat is-Siġġiewi s-soltu, minn dawn is-€26-il miljun, raħalna seta' gawda minn madwar €410,000 oħra s-sena d-dieħla. Biex inpoġġikom naqra f'kuntest, l-manutenzjoni tal-bandli Nalizperla li tlesta riċentament sewa €40,000. Konna nirranġaw minn tal-inqas 10 spazji miftuħa oħra fis-Siġġiewi biss b'dawk il-flus! U kien jifdal il-flus għall-plakek ukoll.


Il-Kunsilli Lokali mhumiex priorità għal dan il-gvern u issa ikkonfermaw dan anke l-estimi għall-2024. Fost l-oħrajn, il-Ministru semma raġuni oħra għaliex "is-sena 2024 ser tkun waħda sinifikanti fil-qasam tal-Gvern Lokali". U din kienet li se jkun hemm l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali s-sena d-dieħla. U hekk hu! Dawn l-elezzjonijiet huma opportunità għall-poplu Malti biex jagħti sinjal lil gvern li jixtieq Kunsilli Lokali li jingħataw iċ-ċans li jaħdmu b'finanzjament adegwat. Hekk biss nistgħu nibdew mexjin 'il quddiem f'dan is-settur - fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu jrid ikun.

113 views2 comments

Recent Posts

See All

2 Comments


janstorp72
Dec 14, 2023

Possibli ma ntkomx tindunaw li dan il-gvern qieghed ftit ftit jikkanibalizza id-dmirijiet u responsabiltajiet tal-Kunsilli, biex jitmexxa kollox min fuq. Allura ghad baqa skop ghal Kunsilli?

Like

thereseagius
Dec 13, 2023

Parole si, fatti no!

Like
bottom of page