top of page
Writer's pictureRyan Cachia

Nixfa Rekord

Jien u ndur id-djar, iltqajt ma' ħafna minnkom illi taħdmu r-raba' u l-kumment komuni hu: "Kemm ilha ma tagħmel naqra xita!" U hekk hu. Il-bdiewa Siġġiwin qed jintlaqtu' mhux ftit mit-tibdil fil-klima. Kellna l-iktar Ottubru niexef mill-1922 - kważi mitt sena! Sakemm pajjiżi ferm ikbar minna iqumu mir-raqda, għalissa għandna bżonn nsolvu s-sintomu. U dan anke sabiex ngħinu lil tant bdiewa fosthom Siġġiwin illi qed iħossu din in-nixfa taffetwalhom il-prodotti tagħhom.


Proġett li seta' jgħin lil bdiewa Siġġiwin hu dak imsejjaħ tan-"New Water". Proġett sostennibli illi bl-Ingliż jissejjaħ a "win-win-win situation". Dan għaliex hu proġett illi jissaffa' d-drenaġġ biex jiġi ilma tat-tieni klassi li jkun jista' jintuża' għat-tisqija tar-raba'. Dan minflok is-sitwazzjoni li kellna qabel fejn id-drenaġġ kien jintrema' fil-baħar għad-detriment tal-ħlejjaq tal-baħar u tagħna stess li konna ngħumu fl-istess baħar. Dan il-proġett b'investiment ta' €62 miljun ewro fondi tal-UE jolqot żewġ għasafar b'ġebla waħda.


Idea sabiħa però mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-implimentazzjoni. Fl-ewwel lok, fid-diżinn tiegħu, dan il-proġett messu kopra l-punent ta' Malta li hi waħda mill-iktar żoni rurali f'Malta. Hu inkreddibli kif proġett bħal dan li minnu jistgħu jgawdu tant u tant bdiewa nesa wieħed mill-iktar rħula agrikoli f'Malta: is-Siġġiewi. Kif jidher fil-mappa hawn taħt, is-Siġġiwin ġew minsija totalment u l-iktar dispenser qrib għalina hu l-Imġarr. Saħansitra anke l-pjanijiet tat-tkabbir tan-netwerk imħabbra f'Lulju li għadda, se jaslu saż-Żurrieq. Hekk beħsiebna niġġieldu din in-nixfa rekord?! Inħoss li kultant nagħtu bis-sieq lin-nies li jtuna l-iktar ikel bnin u frisk.


Id-"distribution points" tal-proġett "New Water" - is-Siġġiwin minsijin (https://live.wsc.com.mt/PublicWeb/home/waterdispensersmap)

Biex tkompli tgħaqqad, hemm allegazzjoni illi dan l-ilma li tant għandna bżonnu speċjalment f'dan iż-żmien ta' nixfa, qed jiġi mormi l-baħar! Proġett bħal dak, fondi li tawna sħabna l-Ewropej, litteralment narmuhom il-baħar. U għaldaqstant f'isem il-bdiewa SIġġiwin nirringrazzja lil kandidat Nazzjonalista għall-elezzjonijiet Ewropej Dr. Peter Agius illi ilu jitkellem fuq dan is-suġġett u qed jiġġieled ħalli din il-ħela tispiċċa billi ressaq dan il-każ quddiem l-Awditur Ġenerali.


Dan il-proġett jista' jkun wieħed mis-soluzzjonijiet f'realtà illi iktar ma jmur, iktar Malta qed ikollha ambjent u klima nexfin mill-ilma u kif rajna ukoll, nexfin mill-ideat. Għalhekk nappella lil awtoritajiet sabiex l-ewwelnett jekk hu minnu, iwaqqfu din il-ħela u t-tieni nett jinkludu lis-Siġġiewi bħala parti min-netwerk tan-"New Water". Jekk tal-aħħar mhux possibli jew vijabbli, nistgħu nħaddmu sistema ta' inċentivi lil dawk il-bdiewa li għandhom għelieqi 'l bogħod minn xi dispenser. Soluzzjonijiet hemm, irid ikun hemm ir-rieda.

48 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


bottom of page